L-uffiċċji ta' kollegament f'pajjiżek 

Il-Parlament Ewropew għandu Uffiċċji ta' Kollegament (EPLOs) fil-bliet kapitali tal-UE, kif ukoll fergħat fi bliet ta' rilevanza reġjonali fl-Istati Membri li għandhom l-akbar popolazzjonijiet, u anki lil hinn mill-Unjoni. Huwa għandu wkoll Uffiċċju ta' Kollegament f'Washington DC.

L-EPLOs huma responsabbli għall-implimentazzjoni lokali tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni istituzzjonali, bl-għan aħħari li jiżguraw li n-nies jifhmu l-importanza tal-Parlament Ewropew biżżejjed biex jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku Ewropew.

L-uffiċċji jaħdmu maċ-ċittadini u mal-partijiet interessati, jieħdu ħsieb il-kuntatti mal-midja nazzjonali, reġjonali u lokali, u jipprovdu appoġġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) fl-eżerċizzju tal-mandati uffiċjali tagħhom fl-Istati Membri.

Mappa tal-Uffiċċji ta' Kollegament 

 
Liaison offices in your language 
Other Liaison offices 
 

Ħidma maċ-ċittadini 

L-EPLOs jaħdmu mal-popolazzjoni lokali u jkattru l-għarfien dwar x'inhu, x'jagħmel u x'jirrappreżenta l-Parlament Ewropew.


Dan jagħmluh billi:

  • Jibnu, irawmu u janimaw netwerk ta' ċittadini interessati;
  • Jagħmlu kampanji ta' komunikazzjoni, jorganizzaw avvenimenti u jtellgħu wirjiet;
  • Iqajmu kuxjenza u jippromwovu dibattitu dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea;
  • Jikkomunikaw dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u jirrispondu għal talbiet għal informazzjoni.

Ħidma mal-midja 

B'mod proattiv, l-EPLOs iwasslu aħbarijiet, dibattiti u deċiżjonijiet tal-UE lill-midja nazzjonali, reġjonali, lokali u speċjalizzata.


Dan jagħmluh billi:

  • Jassistu lill-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u jagħmluhom konxji tal-impatt ta' kwistjonijiet Ewropej;
  • Jorganizzaw seminars għall-ġurnalisti u jistidnuhom ikopru l-attivitajiet fis-sessjonijiet plenarji;
  • Joħolqu opportunitajiet medjatiċi għall-MPE fil-midja nazzjonali, reġjonali, lokali u speċjalizzata;
  • Jieħdu nota ta' ineżattezzi u aħbarijiet qarrieqa dwar il-Parlament Ewropew, u jirribattuhom.
 

Ħidma ma' partijiet interessati u multiplikaturi 

Il-partijiet interessati jinkludu awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, gruppi tas-soċjetà ċivili, netwerks, assoċjazzjonijiet, għalliema, skejjel, universitajiet, gruppi ta' riflessjoni, organizzazzjonijiet settorjali, korpi tal-UE, eċċ. L-EPLOs jiżviluppaw u jrawmu relazzjonijiet ma' partijiet interessati strateġiċi. L-għanijiet huma li jidħlu fi djalogu magħhom u jiżguraw li jkunu konxji tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew li jolqtuhom.


Dan jagħmluh billi:

  • Jippromwovu dibattiti dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea u dwar il-ħidma leġiżlattiva tal-Membri;
  • Jiżguraw li l-partijiet interessati jirċievu informazzjoni mfassla apposta għalihom dwar oqsma li jolqtuhom speċifikament;
  • Jaħdmu mill-qrib ma' għalliema u ma' organizzazzjonijiet akkademiċi u jipprovdulhom riżorsi edukattivi;
  • Jaħdmu ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri.
 

Kompiti oħrajn 

  • Jagħtu appoġġ għal żjarat minn MPE li jkollhom rwol istituzzjonali u lil delegazzjonijiet parlamentari u missjonijiet uffiċjali;
  • Jikkooperaw mar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u maċ-Ċentri ta' Informazzjoni Europe Direct.