Preżentazzjoni

X'inhuma d-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew?

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma gruppi uffiċjali ta' Membri tal-PE (Membri tal-Parlament Ewropew) li jżommu u japprofondixxu relazzjonijiet mal-parlamenti ta' pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet li mhumiex fl-UE.

B'dan il-mod, id-delegazzjonijiet jaġixxu bħala r-rabta ewlenija tal-Parlament ma' organi oħra, kemm f'pajjiżhom kif ukoll barra minn pajjiżhom.

Permezz ta' ħidma b'kooperazzjoni mal-kumitati tal-Parlament u mal-Membri tal-PE li jappoġġjaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem lil hinn mill-fruntieri tal-UE, id-delegazzjonijiet isaħħu l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Bl-eżerċitar ta' diplomazija parlamentari permezz ta' diskussjonijiet regolari, id-delegazzjonijiet jippromwovu wkoll l-UE b'mod ġenerali u jinkoraġġixxu lis-sħab tagħha biex jirrispettaw il-valuri u l-interessi tal-UE.

Laqgħat interparlamentari

Id-delegazzjonijiet jorganizzaw laqgħat interparlamentari ma' rappreżentanti eletti minn barra l-UE. Dan jagħti lis-sħab l-opportunità li jiddiskutu l-kwistjonijiet wiċċ imb wiċċ.

Dawn il-laqgħat ġeneralment isiru darba jew darbtejn fis-sena u jdumu ftit sigħat jew jiem.

Dawn isiru f'postijiet li jalternaw: għal laqgħa minnhom, il-Membri tal-PE jivvjaġġaw lejn parlament ieħor barra l-UE; u għal-laqgħa li jmiss, id-delegazzjoni tal-UE tospita l-mistiedna tagħha fil-Parlament Ewropew.

Meta l-Membri tal-PE jsiefru barra l-UE għal dawn il-laqgħat, huma jippruvaw jiltaqgħu wkoll ma' nies barra mill-parlament ospitanti u jżuru proġetti ffinanzjati mill-UE.

Diskussjonijiet fi Brussell u Strasburgu

Fi Brussell u Strasburgu, id-delegazzjonijiet ikollhom ukoll laqgħat, jew waħidhom jew ma' delegazzjonijiet jew kumitati oħrajn.

Dawn il-laqgħat qosra jippermettu lid-delegazzjonijiet jippjanaw il-laqgħat interparlamentari tagħhom u jiddiskutu s-sitwazzjoni fil-pajjiżi sħab tagħhom.

Ta' spiss id-delegazzjonijiet jistiednu mistiedna esterni biex jagħmlu preżentazzjonijiet u jkollhom skambju ta' fehmiet mal-Membri tal-PE. Bosta kelliema jaħdmu għal istituzzjonijiet oħra tal-UE - bosta drabi għall-Kummissjoni Ewropea jew is-servizz diplomatiku tal-UE - jew għal ambaxxati jew universitajiet.

Xi drabi d-delegazzjonijiet jistiednu mistiedna li leħinhom altrimenti ma jinstemax: pereżempju, membri tal-oppożizzjoni politika jew membri tas-soċjetà ċivili.

L-45 delegazzjoni permanenti

Fil-preżent, il-Parlament Ewropew għandu 45 delegazzjoni permanenti.

Dan in-numru ġie stabbilit permezz ta' deċiżjoni dwar "in-numru ta' delegazzjonijiet interparlamentari, ta' delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari konġunti u ta' delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari ta' kooperazzjoni u għal assemblej parlamentari multilaterali".

Din id-deċiżjoni, adottata f'April 2019, elenkat id-delegazzjonijiet li ser joperaw matul id-disa' leġiżlatura (2019-2024) u kkategorizzathom fi gruppi skont ir-reġjun.

Minn leġiżlatura għal oħra, id-distribuzzjoni tad-delegazzjonijiet jistgħu jvarjaw konsiderevolment. Pereżempju, fis-seba' leġiżlatura (2009-2014), delegazzjoni waħda ħadmet mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro u l-Kosovo. Minn nofs l-2014, erba' delegazzjonijiet separati koprew dawn il-pajjiżi.

Fi kwalunkwe waqt, il-Parlament jista' jiddeċiedi wkoll li jibgħat gruppi uffiċjali ta' Membri tal-PE f'pajjiżi mhux tal-UE bħala reazzjoni għal żviluppi politiċi jew biex jieħdu sehem f'konferenzi jew avvenimenti oħra.

Kompożizzjoni

Id-delegazzjonijiet kollha għandhom l-istess struttura: president u żewġ viċi presidenti, li jiġu eletti mill-membri tad-delegazzjoni.

Il-membri kollha tad-delegazzjoni jiġu nnominati mill-gruppi politiċi tal-Parlament u l-kompożizzjoni totali ta' kull delegazzjoni tirrifletti l-bilanċ politiku globali tal-Parlament.

Kull Membru tal-PE huwa membru ta' delegazzjoni permanenti. Xi wħud huma f'aktar minn waħda.

L-akbar delegazzjonijiet huma normalment dawk li jieħdu sehem f'assemblej parlamentari, li fihom jiltaqgħu diversi parlamenti.

Pereżempju, hemm 78 Membru tal-PE fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għal forum semiannwali li jiġbor flimkien il-parlamenti tal-pajjiżi kollha tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

Madankollu, din id-delegazzjoni kbira mhijiex in-norma. Il-maġġoranza tad-delegazzjonijiet tal-Parlament huma magħmulin minn 20 membru jew inqas. L-iżgħar fosthom għandhom biss 8 membri.

Regoli

Id-delegazzjonijiet jeħtiġilhom isegwu regoli stretti stabbiliti f'diversi dokumenti u deċiżjonijiet.

Żewġ Regoli ta' Proċedura uffiċjali tal-Parlament jiffokaw fuq id-delegazzjonijiet. Barra minn hekk, bosta regoli għall-kumitati japplikaw ukoll għad-delegazzjonijiet.

L-aktar deċiżjoni reċenti tal-Parlament Ewropew dwar in-numru ta' delegazzjonijiet kienet tinkludi spjega dwar xi proċeduri. Id-deċiżjoni tinkludi dettalji dwar il-modi kif il-kumitati u d-delegazzjonijiet għandhom jikkoordinaw bejniethom, inkluż meta jivvjaġġaw.

L-aktar regoli estensivi għad-delegazzjonijiet jinsabu f'dokument uffiċjali msejjaħ "Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet barra l-Unjoni Ewropea".

Dan it-test jistabbilixxi l-għan ġenerali tad-delegazzjonijiet tal-Parlament: "iż-żamma u t-titjib tal-kuntatti mal-parlamenti tal-Istati li tradizzjonalment huma sħab tal-Unjoni Ewropea u [...] għall-promozzjoni [...] tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea."

Id-dispożizzjonijiet jiddeskrivu wkoll kif id-delegazzjonijiet tal-Parlament għandhom jirrispettaw il-pożizzjonijiet u l-istandards tal-Parlament.

Artikli oħra jispjegaw liema Membri tal-PE jistgħu jkunu parti minn vjaġġi tad-delegazzjoni barra l-UE. Sabiex l-ispejjeż jinżammu baxxi, l-għadd ta' parteċipanti huwa kkontrollat b'mod strett, peress li l-vjaġġi kollha jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel.

Relazzjoni mal-kumitati

Il-Parlament Ewropew għandu tliet kumitati u żewġ sottokumitati li jiffokaw fuq attivitajiet barra mill-UE ("azzjoni esterna"). Dawn il-kumitati għandhom relazzjoni privileġġjata mad-delegazzjonijiet.

Il-kumitati u d-delegazzjonijiet iżommu lil xulxin informati dwar il-laqgħat u d-diskussjonijiet tagħhom u jistiednu lill-membri ta' xulxin jingħaqdu fil-proċedimenti u fil-kompiti tagħhom, inkluż meta jivvjaġġaw barra mill-UE.

Fost id-diversi kumitati, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) għandu r-rwol l-aktar kritiku għad-delegazzjonijiet. Dan il-kumitat jikkoordina u jipprovdi sorveljanza politika lid-delegazzjonijiet - mhux biss għad-delegazzjonijiet permanenti, iżda għall-Membri tal-PE kollha li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali tal-Parlament lejn pajjiżi barra mill-UE.

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) jikkoordina mad-delegazzjonijiet kollha meta l-aġenda tindirizza kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali internazzjonali. Id-delegazzjoni li tiffoka fuq il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika tal-CARIFORUM hija marbuta mill-qrib b'mod partikolari mal-Kumitat INTA.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE) jikkoordina d-delegazzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ta' żvilupp. Id-delegazzjoni għall-Grupp ta' Stati AKP hija waħda mill-bosta delegazzjonijiet li jaħdmu mal-Kumitat DEVE.

Qabel kwalunkwe delegazzjoni tiltaqa' ma' rappreżentanti eletti minn barra l-UE, il-kumitati jissuġġerixxu temi politiċi li d-delegazzjoni tista' jew għandha tindirizza. Wara l-laqgħa, il-president tad-delegazzjoni jippreżenta rapport lill-Kumitat AFET.

Enfasi fuq id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem

Bosta delegazzjonijiet jinvolvu wkoll fil-ħidma tagħhom lill-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) tal-Parlament Ewropew. Dan il-korp, immexxi mill-Presidenti tal-Kumitati AFET u DEVE, jissorvelja l-isforzi tal-Parlament biex isaħħaħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem lil hinn mill-UE.

Waħda mill-attivitajiet prinċipali tal-grupp hija l-organizzazzjoni ta' missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali.

Bejn 10 darbiet u 12-il darba fis-sena, Membri tal-PE jivvjaġġaw lejn pajjiżi mhux tal-UE biex josservaw il-proċessi ta' votazzjoni. L-esperjenza tagħhom bħala rappreżentanti eletti żżid il-kredibbiltà politika fl-evalwazzjonijiet tagħhom.

Proġetti oħra ssorveljati mid-DEG għandhom l-għan li jgħinu lill-parlamenti f'pajjiżi mhux tal-UE jsiru aktar b'saħħithom u jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

"Gruppi ta' ħbiberija" u gruppi oħra mhux uffiċjali

Xi kultant, Membri tal-PE jifformaw gruppi mhux uffiċjali biex jiddiskutu r-relazzjonijiet ma' pajjiżi mhux tal-UE.

Dawn il-"gruppi ta' ħbiberija", xi drabi sponsorjati minn lobbisti jew gvernijiet barranin, mhumiex organizzazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Jekk dawn il-gruppi jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, ma għandhom ebda status uffiċjali u għaldaqstant l-uffiċċji lokali tal-UE ma jagħtuhomx l-assistenza li joffru lid-delegazzjonijiet permanenti. Dawn il-gruppi ma jikkoordinawx mal-kumitati u ma jistgħux jitkellmu f'isem il-Parlament.

Il-Membri tal-PE li jipparteċipaw f'dawn il-gruppi għandhom l-obbligu li jkunu trasparenti dwar l-istatus tagħhom u li jevitaw interferenza fil-ħidma tal-korpi uffiċjali tal-Parlament.

Id-delegazzjonijiet tal-PE, l-atturi li għandhom influwenza globali © European Parliament

Preżentazzjoni u kompetenzi

Id-delegazzjonijietgħandhom iżommu u jiżviluppaw il-kuntatti internazzjonali tal-Parlament ujikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rwol u l-viżibilità tal-Unjoni Ewropeafid-dinja.

Għalhekk,l-attivitajiet ta' delegazzjoni, minn naħa, għandhom ikunu mmirati lejniż-żamma u t-titjib tal-kuntatti mal-parlamenti tal-Istati li tradizzjonalmenthuma sħab tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, għandhom jikkontribwixxugħall-promozzjoni f'pajjiżi terzi tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UnjoniEwropea, speċifikament il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispettgħad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istattad-dritt (Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Il-kuntattiinternazzjonali tal-Parlament għandhom jiġu regolati mill-prinċipji tal-liġiinternazzjonali pubblika.

Il-kuntattiinternazzjonali tal-Parlament għandhom ikunu mmirati biex irawmu, kull fejnikun possibbli u xieraq, id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijietinternazzjonali.

(Artikolu 3, prinċipji lijirregolaw l-attivitajiet tad-delegazzjonijiet, adottati mill-Konferenzatal-Presidenti nhar il-29 ta' Ottubru 2015)