Il-prijoritajiet u l-kisbiet politiċi tal-Parlament 2023 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Bit-tagħlimiet li slitna mill-pandemija u l-kriżi ġeopolitika kif ukoll il-kriżi enerġetika reċenti, il-leġiżlaturi qed jiffukaw fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa biex tinbena ekonomija reżiljenti u biex tissaħħaħ is-sorveljanza tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali.

Tgħallem aktar dwar il-kisbiet tal-Parlament f’oqsma tal-politika li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni identifikaw bħala prijoritajiet komuni u impenjaw ruħhom li jiksbu riżultati fir-rigward tagħhom sa qabel l-Elezzjonijiet Ewropej tal-2024.

L-Osservatorju Leġiżlattiv tal-Parlament huwa d-database u l-għodda ta’ monitoraġġ ċentrali li wieħed għandu jikkonsulta għal informazzjoni kompleta dwar ix-xogħol parlamentari tal-passat u dak attwali, kemm jekk leġiżlattiv jew mhux leġiżlattiv. Huwa joffri għodda ta’ tfittxija reattiva ħafna biex dak li jkun jiffiltra l-kontenut.

Tgħallem aktar dwar il-prijoritajiet politiċi tal-gruppi politiċi tal-Parlament

Aktar Informazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-Prijoritajiet Leġiżlattivi għall-2023 u l-2024



 

Id-Demokrazija fl-Azzjoni

  • Fl-2020, in-negozjaturi tal-Parlament iġġieldu b’suċċess għall-akbar pakkett finanzjarju tal-UE li qatt indirizza r-riperkussjonijiet tal-kriżi tal-COVID-19 u li ffinanzja ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi tal-UE għall-2021-2027.

    Il-baġit tal-UE fit-tul u l-istrument ta’ rkupru uniku ta’ EUR 750 biljun (aktar minn EUR 800 biljun bil-prezzijiet attwali) (ara wkoll NextGenerationEU, RRF) huma intiżi li jiżguraw li s-soċjetajiet Ewropej ikunu aktar ippreparati għall-kriżijiet u li jagħtu spinta lit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, b’appoġġ partikolari għaż-żgħażagħ, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, is-sistemi tas-salvataġġ u tas-saħħa, u r-riċerka. Miżuri addizzjonali b’appoġġ lir-reġjuni u lill-popolazzjonijiet vulnerabbli (pereżempju l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima) ġew adottati fl-2021 u kkomplementati fl-2023 biex l-azzjonijiet biex tintlaħaq in-newtralità klimatika u tinqata’ d-dipendenza fuq l-enerġija Russa jgħaġġlu aktar (REPowerEU).

    Il-Parlament akkwista wkoll pjan direzzjonali li jorbot bil-liġi għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda biex ikopri l-ħlas lura tas-self tan-NextGenerationEU.

    F’negozjati mal-Kunsill, il-MPE kisbu żieda ta’ EUR 16-il biljun għall-programmi emblematiċi għall-2021-2027 (EU4Health, Orizzont (riċerka), InvestEU u Erasmus+).

    Solidarjetà tal-UE bbażata fuq valuri u objettivi kondiviżi

    Bħala parti mill-awtorità baġitarja, il-MPE jżommu ħarsa mill-qrib lejn l-infiq tal-baġit u l-pjanijiet ta’ rkupru nazzjonali ffinanzjati permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Biex l-Istati Membri jirċievu finanzjament mill-UE, jeħtieġ li jirrispettaw bl-akbar reqqa l-objettivi klimatiċi u diġitali tal-UE kif ukoll l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali tal-UE. Il-Parlament jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni biex ma tagħmilx pagamenti, skont “il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt”, maqbula mal-Kunsill fl-2020, jekk dawk ir-rekwiżiti ma jkunux issodisfati. Barra minn hekk, il-MPE irnexxielhom iżidu l-iskrutinju u t-trasparenza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF): Il-100 l-akbar benefiċjarju tal-finanzjament tal-RRF għandhom jiġu ppubblikati minn kull Stat Membru.

    Pagi ġusti

    Il-MPE ikkonvinċew lill-Istati Membri jiżguraw pagi minimi nazzjonali u jiżguraw li l-irġiel u n-nies jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali, mal-UE kollha. Il-Parlament irid ukoll jintroduċi ġustizzja soċjali u dinjità għall-ħaddiema u jtemm il-prattiki abbużivi minn fornituri ta’ servizzi li joperaw permezz tal-pjattaformi diġitali (“ħaddiema tal-pjattaformi”). Barra minn hekk, it-tassazzjoni ġusta u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jibqgħu prijorità fuq l-aġenda tal-Parlament.

    Appoġġ għall-industriji tal-UE

    Fi Frar 2023, il-MPE ivvutaw favur l-istabbiliment ta’ “Fond tal-UE għas-Sovranità” ġdid biex jistabbilixxi u jwettaq rilokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni industrijali fl-Ewropa. Huma jsejħu b’urġenza għal miżuri li jagħtu spinta lill-użu tat-teknoloġiji ta’ enerġija nadifa, u jgħinu lill-industriji tal-UE jipproduċu impjiegi ta’ kwalità għolja u tkabbir ekonomiku biex il-miri tal-Patt Ekoloġiku jintlaħqu.

  • Il-Parlament iddikjara emerġenza klimatika fl-2019 u ġġieled għal tnaqqis aktar ambizzjuż tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Bil-Liġi Klimatika (adottata fl-24 ta’ Ġunju 2021) l-UE hi obbligata tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u tnaqqas l-emissjonijiet GHG b’mill-inqas 55% fl-2030 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990). Din il-liġi tagħti liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà li għandhom bżonn biex jippjanaw għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Tal-inqas 30% tal-baġit tal-UE se jappoġġja l-objettivi klimatiċi (u 8% l-bijodiversità), u parti sinifikattiva se titħallas b’mod kollettiv mill-UE permezz tar-REPowerEU biex niffrankaw l-enerġija, nipproduċu enerġija nadifa u niddiversifikaw il-provvisti. Huwa jipprovdi appoġġ anki lill-familji vulnerabbli, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u l-mikrointrapriżi. Barra minn hekk, il-Parlament appoġġja Fond Soċjali għall-Klima ta’ EUR 86.7 biljun (biex jindirizza l-faqar enerġetiku u l-faqar tat-trasport) u Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ta’ EUR 17.5 biljun għal reġjuni li qegħdin ibatu mill-impatt soċjali u ekonomiku tat-tranżizzjoni klimatika.

    Niksbu n-newtralità klimatika sal-2050

    Biex inaqqas l-emissjonijiet GHG tal-industriji, tat-trasport (avjazzjoni, marittima, karozzi) u tad-djar, il-Parlament iddeċieda li jagħti inċentivi għall-adozzjoni ta’ enerġija alternattiva. Huwa għamel ir-regoli tal-UE dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), li timxi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, aktar stretti. Billi imponiet prezz fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-ETS ġiegħlet lill-industriji jinvestu f’teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Ir-regoli dwar il-qsim tal-isforzi stabbilew miri ta’ tnaqqis għall-Istati Membri f’oqsma li ma humiex koperti mill-ETS u mira tal-UE aktar ambizzjuża fir-rigward tal-bjar tal-karbonju għall-użu tal-art u s-settur tal-forestrija tipproteġi l-foresti tal-UE, tagħti spinta lill-bijodiversità u żżid il-mira ta’ tnaqqis tal-GHG tal-UE sal-2030 għal 57%.

    It-tisħin u t-trasport bit-triq se jiġu inklużi fl-ETS sal-2027/28 u l-allokazzjonijiet bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni se jiġu eliminati b’mod gradwali sal-2026. Il-Parlament approva l-għan ta’ emissjonijiet żero tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet ġodda fl-2035 u saħħaħ ir-regoli li se jkopru l-batteriji għaċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom kollu. Il-MPE jixtiequ wkoll jgħaġġlu l-varar tal-enerġija rinnovabbli u jtejbu l-effiċjenza enerġetika, u b’mod partikolari dik tal-binjiet. Dan biex inkomplu nnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-UE u d-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi.

    Nevitaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-greenwashing

    Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri ġdid se jkun qed japplika l-prezz tal-karbonju tal-UE għas-siment, il-ħadid u l-azzar, l-aluminju, il-fertilizzanti, l-elettriku u l-idroġenu importati. Il-MPE stabbilew kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni biex jipproteġu lill-industriji tal-UE u jevitaw li l-produzzjoni tagħhom timxi għal pajjiżi terzi u biex jagħtu inċentiva lill-kumplament tad-dinja biex itejbu l-isforzi tagħhom favur il-klima.

    Sensiela ta’ prodotti li jistgħu jikkawżaw aktar deforestazzjoni f’partijiet oħra tad-dinja ma jistgħux jibqgħu jiġu importati: il-baqar, il-kawkaw, il-kafè, iż-żejt tal-palm, is-sojja, l-injam, il-lastku, il-faħam u l-prodotti bil-karta stampata. Minkejja li l-ebda prodott mhu se jiġi pprojbit, il-kumpaniji se jkollhom jagħtu prova ta’ “diliġenza dovuta” li l-proċess li bih ġie prodott ma kkontribwixxiex għad-deforestazzjoni. B’mod aktar ġenerali, mill-2024 ir-rappurtar mill-kumpaniji dwar is-sostenibbiltà se jsir obbligatorju għall-kumpaniji l-kbar kollha fl-UE. Madwar 50,000 kumpanija se jkollhom jibdew jiżvelaw data dwar l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq il-bnedmin u fuq il-pjaneta u data dwar xi riskji għas-sostenibbiltà li jinsabu esposti għalihom.

    Għad irid jintlaħaq qbil dwar ir-regoli l-ġodda dwar il-pestiċidi, ir-riġenerazzjoni tan-natura u l-produzzjoni ta’ ikel sostenibbli (l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt) kif ukoll il-kwalità tal-arja, l-emissjonijiet industrijali u l-iskart mill-imballaġġ.

  • Il-PE jappoġġja l-Ukrajna fil-ġlieda tagħha għal-libertà u l-awtodeterminazzjoni. Huwa kkundanna bil-qawwa u ripetutament il-gwerra ta’ aggressjoni Russa u appella għal sanzjonijiet qawwijin fuq ir-Russja u l-Belarussja sa mill-ewwel jiem tal-attakki militari. Huwa jisħaq bla heda għall-appoġġ tal-UE, biex l-UE tipprovdi armi ta’ difiża, għajnuna umanitarja u appoġġ demokratiku lill-istituzzjonijiet tal-Ukrajna.

    Waqt seduta plenarja straordinarja tal-1 ta’ Marzu 2022, il-MPE adottaw l-ewwel riżoluzzjoni li kienet tappella biex l-UE timponi sanzjonijiet aktar ibsin kontra r-Russja u l-Belarussja minħabba l-invażjoni u tipprovdi armi ta’ difiża lill-Ukrajna bla dewmien.

    Il-PE sar l-ewwel istituzzjoni politika internazzjonali li l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy indirizza wara l-attakk. Dan l-indirizz sar permezz ta’ diskors (b'mod virtwali) dakinhar stess. Xahar wara, fl-1 ta’ April, il-President tal-PE Roberta Metsola saret l-ewwel mexxej tal-UE li żar Kiev, fejn iltaqgħet mal-President Zelenskyy u mal-ispeaker tal-Parlament Ruslan Stefanchuk, u indirizzat lill-Membri tal-Parlament Ukren, il-Verkhovna Rada.

    Waqt l-ewwel żjara tiegħu fi Brussell fid-9 ta’ Frar 2023, il-President Zelenskyy ta diskors fil-plenarja qabel ma indirizza lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE waqt is-summit tal-UE.

    Nindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u l-UE

    F’riżoluzzjoni tal-24 ta’ Marzu 2022, il-PE talab għajnuna alimentari umanitarja robusta fit-tul għall-Ukrajna, kemm mill-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali. F’April 2022, il-MPE talbu embargo sħiħ tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja u, minn Mejju, bdew jaħdmu biex jidderieġu l-fondi ta’ rkupru lejn ir-REPowerEU u biex jgħaġġlu t-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika fl-Istati Membri.

    Waqt is-sessjoni plenarja ta’ Settembru 2022, il-MPE appoġġjaw regoli ssimplifikati għall-użu tal-fondi reġjonali tal-UE biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa, u b’mod partikolari biex tingħata għajnuna lir-reġjuni tal-madwar li jkunu qegħdin jilqgħu refuġjati Ukreni. Huma approvaw ukoll it-tieni pakkett ta’ assistenza makro-finanzjarja tal-UE għall-bżonnijiet immedjati tal-Ukrajna. F’Novembru, il-MPE approvaw self tal-UE ta’ EUR 18-il biljun biex jappoġġjaw lill-Ukrajna fl-2023.

    Lejn Ukrajna ħielsa u demokratika fi ħdan l-UE

    F’riżoluzzjoni adottata f’Marzu 2022, il-Parlament indika wkoll li l-gvern Russu qed ixerred “diżinformazzjoni ta’ malizzja u kobor bla preċedent” biex iqarraq biċ-ċittadini tiegħu u bil-komunità internazzjonali dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Huwa ħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi sanzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-indħil estern u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni.

    F’Mejju 2022, huma appellaw lill-UE biex tappoġġja l-proċedimenti internazzjonali u fil-qrati fir-rigward tal-prosekuzzjoni tar-reġim Russu u dak tal-Belarussja għal reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità, ġenoċidju u għad-delitt ta’ aggressjoni. Għalhekk, il-PE ta kompetenzi ġodda lill-Eurojust biex jippermetti lil din l-aġenzija tal-UE tiġbor u tipproċessa evidenza dwar dawn ir-reati.

    F’Ġunju, il-PE appella b’suċċess lill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE biex jagħtu lill-Ukrajna l-istatus ta’ kandidat tal-UE u f’Lulju approva l-ewwel pakkett ta’ assistenza makro-finanzjarja ta’ wara l-gwerra lill-pajjiż.

    Fis-6 ta’ Ottubru, il-MPE ċaħdu r-riżultati tar-referenda fittizji orkestrati mir-Russja biex it-territorju Ukren okkupat jiġi anness, li twettqu taħt it-theddida tal-armi, bħala “nulli u bla effett”. Huma appellaw ukoll għal żieda massiva fl-assistenza militari lill-gvern u lill-forzi armati tal-Ukrajna.

    F’turija ta’ solidarjetà u ammirazzjoni, fid-19 ta’ Ottubru l-PE ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2022 lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President, mill-mexxejja eletti u mis-soċjetà ċivili tiegħu. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju saret f’Diċembru.

    Wara l-atroċitajiet kontinwi mwettqa mill-forzi Russi u l-alleati tagħhom fl-Ukrajna, il-MPE iddeċidew li jirrikonoxxu lir-Russja bħala stat li jappoġġja t-terroriżmu f’riżoluzzjoni adottata fit-23 ta’ Novembru. Wara dan, il-Parlament irrikonoxxa l-Holodomor, jiġifieri l-Karestija Sovjetika tal-Ukreni, bħala ġenoċidju.

    Waqt is-sessjoni plenarja ta’ Jannar 2023, il-MPE appellaw għal rispons aktar qawwi għat-theddid Russu għas-sigurtà Ewropea u tennew is-sejħa tagħhom għall-ħolqien ta’ tribunal internazzjonali speċjali biex il-mexxejja politiċi u militari Russi jinżammu responsabbli għar-reat ta’ aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna.

    Qabel is-summit UE-Ukrajna f’Kiev tat-3 ta’ Frar 2023, il-MPE adottaw riżoluzzjoni li tappella lill-UE u l-mexxejja politiċi Ukreni biex jaħdmu għall-bidu tan-negozjati biex l-Ukrajna tidħol fl-UE, filwaqt li tennew il-bżonn għal proċess ta’ adeżjoni bbażat fuq il-mertu u fuq kriterji, parametri referenzjarji u riformi neċessarji ċari.

  • Ir-responsabbiltà primarja għas-sistemi tal-kura tas-saħħa tinsab f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-UE għandha rwol importanti fit-titjib tas-saħħa pubblika, fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-mard, fit-tnaqqis tas-sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, u fil-koordinazzjoni tal-istrateġiji tas-saħħa bejn l-Istati Membri. Il-Parlament żied il-fondi għall-programm “EU4Health” għall-2021-27 minn EUR 1.7 biljun għal EUR 5.1 biljun, intiż li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u biex nindirizzaw aħjar il-pandemiji u t-theddid għas-saħħa futuri.

    Fi Frar 2023, il-Parlament qabel li jistabbilixxi Sottokumitat għas-Saħħa Pubblika permanenti ġdid, u enfasizza fuq l-istatus ta’ prijorità tas-suġġett.

    Nindirizzaw il-pandemija

    F’Ġunju 2021, il-MPE u l-Istati Membri stabbilew bla dewmien iċ-ċertifikat diġitali tal-COVID-19 temporanju biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar transfruntier u t-trasport fl-UE u lil hinn minnha b’mod sigur. Il-Parlament qabel li jwessa’ l-ambitu u jżid ir-riżorsi tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jirrispondi malajr għal diżastri fuq skala kbira. Il-PE imbotta wkoll biex il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jissaħħaħ, biex l-UE ttejjeb il-prevenzjoni tal-kriżijiet, it-tħejjija u l-kapaċità ta’ rispons għat-theddid tas-saħħa transfruntier serju tal-ġejjieni.

    Bħalissa l-MPE qed iħarsu lejn tagħlimiet oħra li ħadna mill-pandemija, fejn il-Kumitat Speċjali COVI qiegħed jagħmel skrutinju ta’ kif l-UE indirizzat il-pandemija tal-COVID-19 u l-kampanji ta’ tilqim.

    Il-prodotti farmaċewtiċi, is-saħħa fuq il-post tax-xogħol, negħlbu l-kanċer

    Il-Parlament ripetutament insista biex titjieb il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini fuq il-post tax-xogħol tagħhom u, f’rapport adottat fl-aħħar tal-2021 indika modi ta’ kif tista’ tiżdied l-awtonomija farmaċewtika tal-UE. Hu mistenni li fir-rebbiegħa 2023 il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni prinċipali tal-UE fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi.

    Il-Kumitat Speċjali tal-Parlament għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (BECA) ħareġ rakkomandazzjonijiet biex titjieb il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-kanċer, kif ukoll tħaddan ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda għall-prevenzjoni u t-trattament.

  • Fl-2020 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil biex tirrevedi b’mod qawwi u tissemplifika l-proċeduri tal-ażil, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, u l-politiki ta’ ritorn għall-migranti fl-UE kollha. Fl-istess waqt, il-leġiżlaturi tal-UE jixtiequ jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rrispettati u li l-fruntieri tal-UE jiġu protetti b’mod effiċjenti fil-konfront tal-qsim tal-fruntieri b’mod illegali u t-traffikar ta’ bnedmin. Il-Presidenzi tal-Kunsill li jmiss u l-Parlament qablu fuq pjan direzzjonali biex jikkonkludu negozjati dwar il-pakkett ta’ disa’ proposti sa Frar 2024.

    Approċċ olistiku

    Il-MPE żguraw li sal-2024 l-UE jkollha Aġenzija għall-Ażil indipendenti u kompletament operattiva biex tiżviluppa standards operattivi, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ażil. L-aġenzija, li hi bbażata Malta, se tipprovdi aktar assistenza operazzjonali lill-Istati Membri li jkollhom bżonn, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi kif ukoll fir-rigward tar-rilokazzjoni jew sistemazzjoni mill-ġdid.

    F’Diċembru 2022 intlaħqu diversi qbil dwar modi ta’ kif tingħata għajnuna biex persuni vulnerabbli jaslu fit-territorju tal-UE b’mod legali, organizzat u sigur, abbażi ta’ risistemazzjoni volontarja fi Stat Membru (Regolament dwar Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni), u dwar Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza aħjar biex jippermettu lill-applikanti għall-ażil reġistrati jibdew ifittxu xogħol wara sitt xhur.

    Il-MPE tal-Parlament li jaħdmu fuq id-Drittijiet Ċivili qegħdin iħejju ruħhom għal negozjati mal-Kunsill dwar: Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi u ta’ Force Majeure, Regolament dwar l-Iskrinjar, Regolament emendat dwar il-Proċeduri tal-Ażil u Direttiva dwar ir-Ritorn (riformulazzjoni).

    Il-migrazzjoni tal-ħaddiema

    F’Mejju 2021, il-MPE sejħu biex jiġu stabbiliti perkorsi legali għall-migrazzjoni biex jitnaqqas il-qsim illegali tal-fruntieri u biex dawk li jkunu għadhom kif waslu jkunu jistgħu jintegraw fil-forza tax-xogħol b’ċertu ordni. Bħala l-ewwel pass, il-Parlament ivvota fuq regoli ġodda biex ħaddiema bi kwalifiki għolja jissetiljaw aktar faċilment fl-UE (il-Karta Blu). Wara votazzjonijiet tal-kumitati fir-rebbiegħa 2023, il-Parlament se jkun lest għan-negozjati mal-Kunsill dwar żewġ proposti li jaġġornaw id-Direttiva dwar il-Permess ta’ Xogħol u Residenza Uniku u r-regoli dwar l-Istatus ta’ Resident għal Żmien Twil eżistenti.

    Il-Frontex taħt skrutinju parlamentari

    Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Iskrutinju tal-Frontex inħoloq wara deċiżjoni tal-koordinaturi tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tad-29 ta’ Jannar 2021 biex jiġu investigati allegazzjonijiet ta’ push-backs illegali. Il-grupp ta’ MPE għadu jsegwi l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

  • Il-Parlament jiddefendi Unjoni Ewropea mibnija fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-media, in-nondiskriminazzjoni, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-MPE iridu li l-UE ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus (il-pakkett AML) u d-diżinformazzjoni, li jheddu l-pedamenti demokratiċi tal-Ewropa u l-valuri fundamentali tagħha.

    Il-Parlament waqqaf Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea (INGE). Wara l-investigazzjonijiet u l-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni, f’Marzu 2022 ġie adottat l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex id-demokrazija tal-UE tkun protetta aħjar. Il-Kumitat Speċjali (ING2) se jibqa’ jaħdem sas-Sajf 2023 u se jkun qiegħed iħares ukoll lejn modi ta’ kif il-Parlament jista’ jipproteġi lilu nnifsu minn attentati li jinfluwenzaw xogħlu.

    Drittijiet ugwali fuq ix-xogħol

    Fl-2022, il-Parlament laħaq ftehim dwar obbligu vinkolanti biex il-kumpaniji l-kbar japplikaw trasparenza fil-pagi biex l-irġiel u n-nisa jirċievu salarji indaqs meta jwettqu l-istess xogħol. Il-MPE irnexxielhom ukoll iżidu n-numru ta’ nisa fl-ogħla karigi permezz ta’ liġi ferm importanti. Sal-aħħar ta’ Ġunju 2026, tal-inqas 40% tal-karigi ta’ direttur mhux eżekuttiv jew 33% tal-karigi kollha ta’ direttur għandhom jiġu okkupati mis-sess li huwa l-inqas irrappreżentat.

    Ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri mhuwiex negozjabbli

    Il-MPE jilqgħu r-“Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt” tal-Kummissjoni u appellaw biex dan ikompli jittejjeb biex isir jagħmel parti minn mekkaniżmu komprensiv u effettiv, u appellaw għal azzjoni rapida kontra l-isfidi ċari għall-istat tad-dritt bħal fil-każijiet tal-Ungerija u l-Polonja.

    F’riżoluzzjoni dwar it-tielet “Rapport dwar l-Istat tad-Dritt” (2022), li huwa rapport imtejjeb, il-MPE esprimew tħassib dwar ix-xejriet negattivi persistenti fil-libertà tal-istampa, il-pluraliżmu, u s-sigurtà tal-ġurnalisti. Esprimew tħassib anki dwar il-politiċizzazzjoni kontinwa tal-ġudikatura u l-attakki fuq id-drittijiet tal-gruppi ta’ minoranza.

    Bis-saħħa tal-perseveranza tal-Parlament, f’Jannar 2021 daħlet fis-seħħ liġi ġdida li tagħmel il-ħlas ta’ fondi tal-UE tiddependi fuq ir-rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali fl-Istati Membri. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Parlament ripetutament għamel pressjoni fuq il-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tapplika “l-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt”, maqbul mal-Kunsill lejn tmiem l-2020. Fl-2022, il-Kummissjoni ssospendiet il-ħlasijiet tal-fondi ta’ rkupru lill-Polonja u l-ħlasijiet tal-fondi strutturali fil-każ tal-Ungerija. Il-MPE jinsistu li l-fondi jinżammu sospiżi sakemm iż-żewġ pajjiżi jirrimedjaw bis-sħiħ għall-ksur tal-istat tad-dritt indikat mill-MPE.

    Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media

    Fl-10 ta’ Marzu 2022, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jwaqqaf il-Kumitat ta’ Inkjesta PEGA biex jinvestiga l-allegat użu illegali fl-UE ta’ Pegasus u software ta’ sorveljanza ekwivalenti biex jaraw x’inhuma jagħmlu l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti. F’Novembru 2021, il-Parlament għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal regoli ġodda li jħarsu lill-ġurnalisti milli jiġu msikkta. Il-MPE issa qed jeżaminaw l-proposta leġiżlattiva anti-SLAPP (Kawża Strateġika Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) tal-Kummissjoni biex iħarsu l-indipendenza tal-media Ewropea minn kawżi vessatorji intiżi li jintimidawhom. Dan huwa pass li l-MPE ilhom jappellaw għalih mal-Kummissjoni sa mill-2018. Il-ħidma parlamentari fuq it-tant mistenni Att dwar il-Libertà tal-Media bdiet fl-2023.

    Riforma elettorali u istituzzjonali

    Il-MPE qablu fuq abbozz ta’ regoli ġodda biex jirregolaw ir-reklamar politiku u biex iwettqu riforma tar-regoli tal-finanzjament tal-partiti fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija tal-UE. In-negozjati mal-Istati Membri bdew. F’April tal-2022, il-Parlament stabbilixxa proposta leġiżlattiva biex issir reviżjoni tal-Att Elettorali biex ir-regoli elettorali nazzjonali jkunu jaqblu aktar bejniethom u biex jinħolqu listi transnazzjonali. Fi Frar 2023, ġew proposti għażliet ta’ votazzjoni aħjar għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu f’pajjiż tal-UE ieħor. Fiż-żewġ każijiet, trid tittieħed azzjoni mill-Kunsill Ewropew biex dawn il-proposti jsiru liġi.

    F’Settembru 2021, il-Parlament sejjaħ għal Korp tal-Etika indipendenti biex itejjeb it-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE. F’riżoluzzjoni ta’ Diċembru 2022, il-MPE tennew l-appell lill-Kummissjoni biex tressaq proposta.

  • Il-Parlament huwa fost l-ewwel istituzzjonijiet fid-dinja li talbu li jkun hemm liġijiet fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u r-regolament tal-pjattaformi online. Il-MPE iridu li l-Ewropa tħaddan l-ogħla standards għas-servizzi diġitali, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà, mibnija fuq id-drittijiet fundamentali u l-valuri stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali.

    Approċċ li jdur mal-bniedem

    Il-Parlament Ewropew ħa pożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-prinċipji etiċi li jiggwidaw l-approċċ tal-UE fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll biex jiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali bħalma huma l-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll konformità sħiħa ma’ prinċipji bħalma huma l-protezzjoni tal-konsumatur, in-newtralità teknoloġika u tal-internet, l-affidabbiltà u l-inklussività. Il-Parlament sejjaħ ukoll biex l-hekk imsejħa drittijiet tal-utent jiġu protetti aktar fuq l-internet, sejjaħ għal investiment fil-ħiliet diġitali, appoġġ għad-drittijiet tal-ħaddiema u għas-saħħa mentali fl-ispazju tax-xogħol diġitali, u d-dritt għall-iskonnessjoni.

    Ir-regoli dwar is-Servizzi Diġitali

    L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) jistabbilixxi standards ċari dwar kif il-kumpaniji online joperaw u jipprovdu servizzi fl-UE, filwaqt li joffru livell għoli ta’ protezzjoni lill-utenti. Skont il-prinċipju ta’ gwida ta’ “dak li hu illegali offline għandu jkun illegali online”, il-pjattaformi online għandhom jieħdu miżuri bla dewmien biex ineħħu kontenut illegali, jagħmlu tajjeb għad-diżinformazzjoni u jsaħħu l-verifiki fuq in-negozjanti. Taħt id-DSA, l-utenti huma informati aħjar u protetti aħjar mill-manipulazzjoni. L-Att jipprojbixxi reklamar immirat għall-minuri jew ibbażat fuq data sensittiva.

    L-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) jistabbilixxi l-obbligi għal pjattaformi online kbar li jaġixxu bħala “gwardjani” tas-suq diġitali biex jiżgura li dawn jaġixxu b’mod ġust. Ir-regoli jipprovdu lill-innovaturi u lil start-ups tat-teknoloġija b’opportunitajiet ġodda biex jikkompetu u jinnovaw f’ambjent tan-negozju aktar ġust. Il-konsumaturi se jkollhom aktar servizzi u għażla aħjar, mingħajr ma jitilfu l-kontroll fuq id-data tagħhom. Jekk il-gwardjani ma jikkonformawx mar-regoli, jistgħu jiġu imposti multi sa 10% tal-fatturat totali (jew 20% f’każ li ma tkunx l-ewwel darba).

    L-Intelliġenza Artifiċjali (IA)

    Għal snin sħaħ, il-Parlament appella għal ġabra ta’ regoli għall-IA li żżid il-fiduċja fit-teknoloġiji l-ġodda u jżid is-sigurtà tagħhom. Din tkun ukoll ġabra ta’ regoli li tistabbilixxi standards etiċi għoljin, tħaddan is-setgħa ta’ trasformazzjoni fis-suq tal-impjieg u tappoġġja “IA magħmula fl-Ewropa”. Diversi kumitati u kumitat dedikat speċjali (AIDA) taw il-kontribut tagħhom għal proposta tal-Kummissjoni għall-ewwel qafas legali tal-UE dwar l-IA (L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali). Il-verżjoni finali tal-Att bħalissa qiegħda tiġi ffinalizzata mill-Parlament u, qabel mal-att jiġi adottat, l-Istati Membri jridu jaqblu ma’ din il-verżjoni finali fil-Kunsill.

    Strateġija Ewropea għad-data

    Il-MPE jappoġġjaw qafas ta’ governanza tad-data interoperabbli għall-UE kollha u “soċjetà tad-data” li ddur mal-bniedem li fiha ċ-ċittadini jkollhom kontroll sħiħ tad-data tagħhom stess. L-aċċess għal data ta’ kwalità għolja hija fattur essenzjali biex jinbnew sistemi tal-IA ta’ prestazzjoni għolja u siguri.

    L-Att dwar il-Governanza tad-Data (DGA) huwa intiż li jżid il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data, joħloq regoli ġodda tal-UE dwar in-newtralità tal-pjattaformi tas-suq tad-data, u jiffaċilita l-użu mill-ġdid ta’ ċertadata tas-settur pubbliku.

    L-Att dwar id-Data, li għad irid ikun hemm qbil fuqu mal-Istati Membri, u li jikkomplementa l-kontenut tad-DGA, huwa intiż li jagħti spinta lill-innovazzjoni billi jneħħi l-ostakli għall-aċċess tal-konsumaturi u tan-negozji għad-data.

    Iċ-Ċibersigurtà

    B’rispons għat-theddid dejjem jikber ikkawżat mid-diġitalizzazzjoni u ż-żieda fl-attakki ċibernetiċi, il-MPE aġġornaw ir-regoli għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (NIS2), li jissostitwixxu l-ewwel liġi ta’ madwar l-UE kollha dwar iċ-ċibersigurtà (NIS). In-NIS2 tistabbilixxi rekwiżiti dwar iċ-ċibersigurtà aktar stretti, tespandi n-numru ta’ “setturi essenzjali”, tiffaċilita kif jitwettqu r-rapporti, u tintroduċi infurzar aktar riġidu, inklużi sanzjonijiet, madwar l-UE kollha.

    Il-MPE approvaw ukoll il-ħolqien ta’ ċentru u network ta’ kompetenzi taċ-ċibersigurtà tal-UE, u appella għal standards taċ-ċibersigurtà tal-UE aktar stretti għal apparati, apps u sistemi operattivi konnessi.

    Il-Parlament beda wkoll il-ħidma tiegħu fuq l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika, li jintroduċi rekwiżiti għaċ-ċibersigurtà għal apparat konness biex jipproteġi lill-konsumaturi u lin-negozji minn prodotti diġitali mhux siguri fis-suq uniku.

  • Il-Parlament appella biex l-UE ttejjeb l-abbiltà tagħha li tieħu deċiżjonijiet rapidi u effettivi ta’ politika barranija, b’mod partikolari fl-ambitu tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, biex titkellem b’vuċi waħda, u taġixxi verament bħala attur globali b’rispons għall-kriżijiet internazzjonali (riżoluzzjoni).

    F’riżoluzzjoni dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni adottata f’Jannar 2023, il-MPE laqgħu bi ħġarhom l-inizjattivi l-ġodda tal-UE biex is-sigurtà u d-difiża Ewropej jitjiebu, u appella biex l-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-politiki tal-UE dwar id-difiża ċibernetika u l-kapaċitajiet f’dan il-qasam, kif ukoll jistabbilixxu sħubijiet ta’ sigurtà u difiża ma’ sħab tal-istess fehma.

    It-Tkabbir

    F’Settembru 2021, il-Parlament approva l-istrument ta’ finanzjament għal qabel l-adeżjoni IPA III ta’ EUR 14.2 biljun biex jappoġġja seba’ pajjiżi ħalli jadottaw ir-riformi meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli u l-valuri tal-UE. Fir-rapporti annwali tiegħu, il-Parlament jevalwa b’mod kontinwu l-progress fir-riforma demokratika fil-pajjiżi ġirien li jkunu jixtiequ jingħaqdu mal-UE. Filwaqt li jindikaw il-politika ta’ tkabbir imsaħħa bħala l-aktar għodda ġeopolitika b’saħħitha tal-UE, il-MPE ħeġġew lill-UE tegħleb l-istatus quo u titfa’ enerġija mġedda fil-proċess tat-tkabbir kemm fost l-Istati Membri kif ukoll il-pajjiżi applikanti.

    L-appoġġ għad-demokrazija u l-attivitajiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem

    Il-Parlament Ewropew minn dejjem wera impenn bla heda għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija mad-dinja kollha. Mill-1988, il-Premju Sakharov tal-Parlament jagħti rikonoxximent lil individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li jkunu taw kontribut eċċellenti għall-ħarsien tal-libertà tal-ħsieb fid-dinja.

    Avvenimenti tal-aħħar snin bħalma huma l-pandemija u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna, wasslu għal sfidi serji għad-demokrazija mad-dinja kollha. L-aggressjoni Russa mhix diretta biss kontra l-Ukrajna iżda wkoll kontra d-demokraziji u l-valuri demokratiċi. Il-Parlament Ewropew appoġġja lill-parlamenti ta’ pajjiżi sħab għal snin sħaħ, u dan għamlu permezz ta’ kultura ta’ inizjattivi ta’ djalogu bħad-Djalogu Jean Monnet, u permezz tal-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-Parlament.

    Dawn id-delegazzjonijiet huma gruppi uffiċjali tal-MPE li jżommu u jkabbru r-relazzjonijiet mal-parlamenti ta’ pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE, kif ukoll ma’ reġjuni u organizzazzjonijiet oħra. Minbarra dan, ta’ kull sena l-Parlament Ewropew jibgħat delegazzjonijiet li jwettqu osservazzjoni tal-elezzjonijiet fuq terminu qasir f’pajjiżi barra mill-UE, fejn l-esperjenza tal-MPE bħala rappreżentanti eletti tarrikkixxi l-evalwazzjoni tal-proċessi elettorali lokali.

    L-Iżvilupp

    F’Ġunju 2021, il-MPE approvaw il-fond il-ġdid għall-Ewropa Globali (l-Istrument ta’ Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – NDICI), li jiżgura EUR 79.5 biljun f’finanzjament għall-kooperazzjoni esterna biex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżi li jinsabu fil-viċinat tal-UE, fl-Afrika, fl-Ażja, fil-Kontinent Amerikan, fil-Paċifiku u fil-Karibew.

    Il-kummerċ internazzjonali u l-ftehimiet ta’ sħubija

    Il-Parlament jappoġġja l-ftehimiet ta’ sħubija komprensivi u l-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli. Ir-reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali hija l-pedament ta’ leġiżlazzjoni reċenti li tiżgura kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku, bħal regoli ġodda biex jiġi evitat id-dumping minn sussidji barranin.

    Barra minn hekk, il-proposta tant mistennija biex il-prodotti magħmula bix-xogħol furzat jiġu effettivament ipprojbiti mis-suq tal-UE, inkluż it-tħaddim tat-tfal furzat, bħalissa tinsab taħt eżaminazzjoni mill-MPE. In-negozjati mal-Istati Membri jaf jibdew, l-aktar kmieni, fil-ħarifa 2023.

    L-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP), li tagħti aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u għodda ġodda li jipproteġu lill-kumpanniji tal-UE mill-koerċizzjoni ekonomika qegħdin jiġu nnegozjati mal-Kunsill.

    Il-kunsens tal-Parlament huwa obbligatorju biex kwalunkwe ftehim ta’ kummerċ tal-UE ġdid u kull ftehim ta’ investiment tal-UE ġdid ma’ pajjiżi terzi jkun jista’ jidħol fis-seħħ (pereżempju l-ftehim ta’ kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit). Fi Frar 2020, il-MPE approvaw il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, li hu l-ewwel wieħed li jintroduċi kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali, soċjali u demokratiċi. Ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment oħrajn maċ-Ċilì u New Zealand, fost l-oħrajn, huma mistennija jiġu diskussi mill-MPE fil-kumitati parlamentari u fis-sessjonijiet plenarji fl-2023 jew fil-bidu tal-2024.

  • Tletin sena mill-istabbiliment tas-suq uniku, il-Parlament ħa azzjoni biex jaġġorna r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur biex jaffaċċja l-isfidi tal-era diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika. It-tnaqqis tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-produzzjoni sostenibbli tal-prodotti huma l-pedament biex nibnu ekonomija ċirkolari aktar awtodipendenti u bi tniġġis żero.

    Fost l-aktar bidliet reċenti hemm regoli ġodda fl-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u inizjattivi bħaċ-ċarġer komuni għall-apparat elettroniku mobbli. Il-MPE qablu dwar regoli aġġornati dwar is-sigurtà tal-prodotti u l-krediti għall-konsumatur biex iżidu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE, kemm online kif ukoll offline.

    L-ekonomija ċirkolari

    Il-Parlament u l-Kunsill qablu fuq regoli ġodda għar-riċiklaġġ u l-produzzjoni tal-batteriji. Il-MPE se jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-aġġornament tad-Direttiva dwar l-Eko-disinn fil-bidu tal-2023 u se jivvotaw fuq sensiela ta’ proposti (imballaġġ, informazzjoni dwar il-prodott, tessuti sostenibbli, eċċ) li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Pakketti 1 u 2 tal-Ekonomija Ċirkolari.

    Il-MPE taw bidu għal proposta dwar id-dritt għat-tiswija biex jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti u barra minn hekk se jinnegozjaw mal-Istati Membri obbligi ta’ diliġenza dovuta ġodda għal negozji korporattivi fl-2023.

    Insaħħu l-bażi industrijali tal-UE

    F’riżoluzzjoni adottata fi Frar 2023, il-MPE appellaw biex il-Kummissjoni taħdem fuq pjanijiet biex tiżdied is-saħħa tal-manifattura tal-UE, speċjalment f’teknoloġiji strateġiċi bħall-enerġija solari u dik tar-riħ, il-pompi tas-sħana, u l-batteriji. Il-MPE ilhom mill-2021 jisħqu mal-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija komprensiva dwar il-materja prima kritika biex ngħinu lill-industriji tal-UE jibqgħu kompetittivi u jsiru inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi, waqt li niżguraw provvista affordabbli u suffiċjenti lill-konsumatur tal-UE.